Publications Office of the EU
Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku : Avviż ta’ Spjegabbiltà - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
DisplayCustomHeader
Dockbar
ARRIKKIMENT TAS-CPV BL-UŻU TA’ MAGNA TA’ INFERENZA

Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku

Avviż ta’ spjegabbiltà

GLOSSARJU

Terminu Definizzjoni
Intelliġenza artifiċjali (IA) L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija teknoloġija li tippermetti lill-kompjuters u lill-magni jissimulaw jew jimitaw l-intelliġenza tal-bniedem u l-kapaċitajiet għas-soluzzjoni tal-problemi.
Mudell ta’ klassifikazzjoni Mudell ta’ klassifikazzjoni huwa tip ta’ mudell ta’ apprendiment awtomatiku li jikkategorizza jew jikklassifika d-data fi klassijiet jew tikketti predefiniti. Jieħu d-data tal-input u jbassar għal-liema kategorija jew klassi tappartjeni d-data.
CPV (Vokabularju Komuni tal-Akkwist) Is-CPV (Vokabularju Komuni tal-Akkwist) (1) huwa sistema strutturata ta’ kodiċijiet ta’ klassifikazzjoni użati fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea kollha. Jgħin fil-kategorizzazzjoni u fid-deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratti ta’ provvista, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet għal skopijiet ta’ akkwist. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tas-CPV hija mfassla biex tiffaċilita l-pubblikazzjoni u t-tqabbil ta’ avviżi ta’ kuntratti, u b’hekk tagħmilha aktar faċli għall-fornituri u għall-awtoritajiet kontraenti biex isibu opportunitajiet ta’ akkwist rilevanti.
eTranslation (2) L-eTranslation hija servizz ta’ traduzzjoni awtomatika newrali pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea.
Apprendiment awtomatiku (ML, Machine learning) L-apprendiment awtomatiku (ML) huwa tip ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software “jitgħallmu” minn prattika u feedback tal-passat u b’hekk isiru aktar korretti fit-tbassir tal-eżiti mingħajr ma jkunu pprogrammati b’mod espliċitu biex jagħmlu dan.
Inferenza tal-mudell L-inferenza tal-mudell hija l-fażi fejn jintuża mudell ta’ apprendiment awtomatiku mħarreġ biex isiru previżjonijiet dwar data ġdida.
Taħriġ tal-mudell It-taħriġ tal-mudell huwa fażi kritika fl-iżvilupp ta’ mudell tal-apprendiment awtomatiku fejn il-mudell jitgħallem jagħmel previżjonijiet ibbażati fuq id-data.
Ipproċessar tal-Lingwi Naturali (NLP, Natural Language Processing) L-Ipproċessar tal-Lingwi Naturali (NLP) huwa qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA) li jippermetti lill-kompjuters janalizzaw u jifhmu l-lingwa umana, kemm miktuba kif ukoll imlissna.
Viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku “Viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku” jiġbor informazzjoni mill-avviżi kollha tat-TED li jappartjenu għall-istess proċedura (avviżi relatati) u jippreżentaha f’perspettiva unika, simplifikata u faċli għall-utent. Il-proċedura tal-akkwist pubbliku hija kunċett ġdid tal-preżentazzjoni tad-data dwar l-akkwist disponibbli fl-avviżi tat-TED.
scikit-learn scikit-learn huwa librerija ta’ apprendiment awtomatiku b’sors miftuħ għal-lingwa tal-ipprogrammar Python. Jipprovdi diversi algoritmi ta’ apprendiment awtomatiku, inklużi algoritmi għall-bini ta’ mudelli ta’ klassifikazzjoni.
TED TED-tender electronic daily huwa s-sit web (https://ted.europa.eu) ġestit mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li fih jiġi ppubblikat Il-Ġurnal Uffiċjali S (Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew ĠU S). L-aċċess għat-TED huwa bla ħlas.

 

L-offerti pubbliċi kollha li jaqbżu l-valuri speċifiċi tal-kuntratt iridu jiġu ppubblikati fil-ĠU S.

(1) https://op.europa.eu/en/web/eu-vocabularies/dataset/-/resource?uri=http://publications.europa.eu/resource/dataset/cpv

(2) https://language-tools.ec.europa.eu/

1. Viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku

Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, disponibbli fuq il-portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jiġbor informazzjoni mill-avviżi kollha tat-TED li jappartjenu għall-istess proċedura (avviżi relatati) u jippreżentaha f’perspettiva unika u faċli għall-utent. Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku huwa mod ġdid għall-preżentazzjoni tad-data dwar l-akkwist disponibbli fl-avviżi tat-TED (3).

Il-viżwal simplifikat huwa mfassal biex jinftiehem u jkun navigabbli faċilment mill-utenti mingħajr għarfien speċjalizzat dwar l-akkwist, u b’hekk ikun aċċessibbli għal udjenza usa’.

(3) https://ted.europa.eu/mt/

Illustrazzjoni 1 – Aggregazzjoni tal-Proċedura tal-Akkwist Pubbliku.

Il-paġna tal-viżwal tal-Proċedura tal-Akkwist Pubbliku fiha rappreżentazzjoni viżwali tal-istatus u tal-iskeda taż-żmien tal-proċedura, flimkien ma’ rappreżentazzjoni ġeografika għall-postijiet tal-prestazzjoni. Id-dettalji tal-proċedura jinkludu attributi ewlenin kemm għall-proċedura ġenerali kif ukoll għal kull lott individwali. Barra minn hekk, id-display jipprovdi links diretti għall-avviżi tat-TED relatati kollha, u jiżgura aċċess faċli għas-sors primarju ta’ informazzjoni li ntuża biex jiġi aggregat il-viżwal tal-proċedura tal-Akkwist Pubbliku.

2. X’inhu l-arrikkiment tas-CPV?

L-arrikkiment tas-CPV huwa funzjonalità li għandha l-għan li ttejjeb it-traċċabbiltà tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex issaħħaħ l-esperjenza tal-utent tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni billi ttejjeb il-kwalità tar-riżultati tat-tiftix. Biex tagħmel dan, is-sistema tgħaqqad diversi tekniki tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) bħall-ipproċessar tal-lingwi natural (NLP) u l-apprendiment awtomatiku (ML) biex jiġu inferiti l-kodiċijiet il-ġodda tas-CPVs għall-proċeduri kollha ppubblikati, abbażi tal-kontenut tagħhom.

Il-kodiċijiet il-ġodda tas-CPV inferiti mis-sistema jidhru ħdejn il-kodiċijiet oriġinali tas-CPV fuq il-paġna tad-dettalji tal-proċedura. Il-paġna tagħmel distinzjoni ċara bejn is-CPVs oriġinali tal-proċedura u dawk inferiti, sabiex l-utent ikun infurmat li dawn tal-aħħar huma ġġenerati bl-għajnuna tal-IA. Barra minn hekk, il-kodiċijiet inferiti tas-CPV huma integrati fil-facets tat-tiftix, u b’hekk tittejjeb l-esperjenza tat-tiftix tal-utent minħabba li l-utenti jkunu jistgħu jiffiltraw il-proċedura abbażi tal-kodiċijiet imtejba.

Pereżempju jekk inqisu l-proċedura bit-titlu “Il-Lussemburgu-Il-Lussemburgu: Servizzi ta’ trasport b’vann u b’mini-vann b’sewwieq dedikat” u bid-deskrizzjoni “Servizzi ta’ trasport b’vann u b’mini-vann b’xufier dedikat.”, is-CPV oriġinali mill-avviż tat-TED huwa “60100000 - Servizzi ta’ trasport bit-triq” u abbażi tal-mudell imħarreġ il-mutur arrikkit inferixxa wieħed addizzjonali, aktar partikolari: “60170000 - Kiri tat-trasport tal-passiġġieri b’vetturi bix-xufier”.

 

 

3. Kif jaħdem l-arrikkiment tas-CPV?

Is-sistema ta’ arrikkiment tas-CPV tiddependi fuq mudell ta’ klassifikazzjoni mħarreġ bil-librerija scikit-learn. Bħala input, il-mudell jieħu l-kontenut tat-test ta’ proċedura, u jipproduċi l-punteġġ ta’ kunfidenza tal-kodiċijiet CPV appoġġati kollha. Għal proċedura partikolari, jiġu eżegwiti l-passi li ġejjin biex jinkisbu l-kodiċijiet tas-CPV previsti:

  • Estrazzjoni: kontenut rilevanti bħat-titli u d-deskrizzjoni tal-proċeduri li jgħin biex jiġu inferiti l-kodiċijiet tas-CPV huwa estratt mill-proċedura.
  • Traduzzjoni: il-kontenut tal-proċedura jiġi tradott bl-Ingliż bl-użu tas-servizz tal-eTranslation jekk il-kontenut tal-avviż ma jkunx disponibbli bl-Ingliż.
  • Preproċessar: il-kontenut estratt jista’ jkun fih partijiet irrilevanti, bħal simboli, artikli, konġunzjonijiet, eċċ. Din l-informazzjoni ma tgħinx biex jiġu previsti l-kodiċijiet tas-CPV, u jista’ jkollha impatt fuq il-kwalità tal-inferenza, u għalhekk titneħħa mill-kontenut tal-proċedura.
  • Klassifikazzjoni: il-kontenut estratt jingħadda lill-mudell ta’ klassifikazzjoni biex jiġi previst punteġġ ta’ kunfidenza għal kull kodiċi tas-CPV ta’ klassijiet predefiniti.
  • Filtrar: biex jiġi ddeterminat liema kodiċijiet tas-CPV għandhom jinżammu għall-proċedura, il-punteġġi ta’ kunfidenza miksuba jitqabblu ma’ valur ta’ limitu ddeterminat matul it-taħriġ tal-mudell. Jekk il-punteġġ ta’ kunfidenza ta’ kodiċi tas-CPV ikun akbar mil-limitu, il-kodiċi jitqies bħala rilevanti għall-proċedura. Pereżempju, jekk il-mudell jipprevedi punteġġ ta’ kunfidenza ta’ 0.7 għall-kodiċi tas-CPV 85000000 u l-livell limitu huwa 0.6, is-sistema tqis il-kodiċi tas-CPV inferit bħala relatat mal-proċedura.

Biex issir taf kif tinferixxi l-kodiċijiet tas-CPV, il-mudell tħarreġ dwar is-sett sħiħ ta’ proċeduri ppubblikati fuq il-Portal. Konfigurazzjonijiet multipli tal-mudell huma mħarrġa fuq 80 % tad-data u evalwati biex jinżamm dak bl-aħjar kwalità ta’ previżjoni. L-20 % tad-data li jifdal jintużaw biex tiġi ttestjata l-kwalità tal-mudell fuq data li ma tintużax matul it-taħriġ. Il-kodiċijiet tas-CPV inferiti kollha b’punteġġ ta’ kunfidenza taħt il-livell limitu konfigurat jiġu diżattivati biex jiġi evitat li dawn il-kodiċijiet jiġu previsti jew użati b’mod skorrett mis-sistema; xorta jistgħu jseħħu żbalji jew ommissjonijiet ta’ inferenza tas-CPV.

Il-mudell ta’ klassifikazzjoni huwa mħarreġ u rfinat manwalment u l-mudell bl-aħjar kwalità ta’ previżjoni jintuża biex jiġu inferiti awtomatikament CPVs addizzjonali fuq proċeduri ta’ akkwist li jkunu għadhom kif ġew ipproċessati.

4. Liema data tintuża mill-arrikkiment tas-CPV?

Is-sistema ta’ arrikkiment tas-CPV tuża l-proċeduri disponibbli għall-pubbliku fuq il-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet biex wieħed ikun jista’ jitgħallem kif jinferixxi l-kodiċijiet tas-CPV. Is-sistema attwali ġiet imħarrġa fuq 2.5 miljun proċedura ppubblikati mill-2011 sal-lum.

L-informazzjoni li ġejja hija estratta mill-proċeduri kollha użati mis-sistema biex tħarreġ il-mudell ta’ inferenza:

  • Titlu tal-proċedura.
  • Deskrizzjoni qasira tal-proċedura.
  • Titlu tal-lottijiet (jekk il-proċedura jkun fiha lottijiet).
  • Deskrizzjoni qasira tal-lottijiet (jekk il-proċedura jkun fiha lottijiet).
  • Il-kodiċijiet tas-CPV ewlenin u addizzjonali diġà inklużi fil-proċedura.
  • Il-kodiċijiet tas-CPV ewlenin u addizzjonali tal-lottijiet (jekk il-proċedura jkun fiha lottijiet)

Dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata abbażi tal-prinċipju tat-trasparenza applikabbli għall-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. Ma tintuża l-ebda data personali biex titħarreġ u tittejjeb is-sistema ta’ arrikkiment tas-CPV.

5. Limitazzjonijiet fil-mument attwali

  • Is-sistema tista’ tinferixxi kodiċijiet tas-CPV sa 5 ċifri (diviżjonijiet, gruppijiet, klassijiet u kategoriji). Ma tappoġġax livelli aktar baxxi.
  • Is-sistema tappoġġa biss il-kodiċijiet tas-CPV li għalihom tkun ġiet ivvalidata inferenza ta’ kwalità tajba, u dawn jammontaw għal 61 % tal-kodiċijiet tas-CPV possibbli sa 5 ċifri.
  • Is-sistema tappoġġa biss l-inferenza fuq il-proċeduri ppubblikati mill-2011 sal-lum.

6. Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà - aspetti ta’ imputabbiltà

Ta’ min jinnota li l-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet fih kontenut maħluq mill-IA jew minn teknoloġiji awtomatizzati oħra. Tali kontenut huwa pprovdut għal finijiet ta’ informazzjoni biss u m’għandux jintuża għal xi skop speċifiku mingħajr verifika tal-akkuratezza jew tal-kompletezza tiegħu.

Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku jikkombina diversi tekniki tal-IA biex tinġabar data biex tittejjeb ir-rintraċċabbiltà tal-avviżi rilevanti ta’ sejħiet għall-offerti ppubblikati fuq it-TED biex jiġu ffaċilitati u assistiti l-metodi ta’ tiftix.

Il-funzjonalità tal-arrikkiment tas-CPV u l-output iġġenerat mill-IA li jirriżulta, jiġifieri l-kodiċijiet tas-CPV inferiti, hija kompletament awtomatizzata. F’xi każijiet, jistgħu jseħħu żbalji minħabba l-kumplessità tas-sistema jew tad-data. Il-viżwal tal-proċedura tal-akkwist pubbliku juża esklużivament id-data disponibbli fil-ĠU S ippubblikat fuq it-TED, Tenders Electronic Daily (https://ted.europa.eu ).

Minkejja dan, l-unika informazzjoni uffiċjali relatata mas-sejħiet għall-offerti u l-avviżi korrispondenti hija dik ippubblikata fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (ĠU S). Għalkemm ittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-kontenut prodott mit-teknoloġija tal-IA jkun tal-ogħla kwalità possibbli, l-akkuratezza tiegħu xorta ma tistax tiġi ggarantita.

Għalhekk, kwalunkwe imputabbiltà tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet tal-UE għal kwalunkwe żball jew ommissjoni fl-eżitu li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tekniki tal-IA hija b’dan miċħuda. Ma tista’ tiġi assunta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe konsegwenza tad-dipendenza fuq tali kontenut iġġenerat mill-IA. L-utenti huma avżati sabiex jużawh b’kawtela u hija rakkomandata aktar diliġenza dovuta.